Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għar-rapport Malta’s renewable energy contingent liabilty; potential costs relating to the non-attainment of the EU’s mandatory 2020 targets, maħruġ illum mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.
Il-Ministeru jerġa’ jieħu din l-okkażjoni biex itenni li Malta qed taħdem bis-sħiħ sabiex jintlaħqu dawn il-miri. Sabiex dan isir pajjiżna għandu bżonn jinvesti fir-riżorsi kollha possibbli sabiex jiġġenera enerġija nadifa primarjament mix-xemx, mir-riħ u mill-iskart.
L-ekonomija tat-tibdil fil-klima u s-sorsi tal-enerġija rinovabbli, hija relattivament suġġett ġdid li għadha qed tiġi żviluppata. Għaldaqstant mhux faċli li f’dan l-istadju wieħed jasal għal stima preċiża ta’ dak li jista’ jkun l-impatt tal-ispiża jekk pajjiżna ma jilħaqx il-miri stabbiliti. Dan għaliex stima bħal din, kif intqal fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, tiddependi fuq bosta paramentri li sal-lum jew mhumiex stabbiliti, inkella anki jekk stabbiliti jistgħu jvarjaw konsiderevolament, fis-snin li ġejjin minħabba diversi fatturi. Hu għalhekk korrett l-Awditur Ġenerali fl-istqarrija tiegħu meta jgħid ‘dan l-istudju bbaża l-kalkoli tiegħu fuq diversi sitwazzjonijiet ipotetiċi. L-istudju kellu jagħmel diversi assunzjonijiet minħabba li l-istimi jiddependu minn ċirkostanzi futuri.’
Huwa għalhekk importanti li kulħadd f’pajjiżna jiġbed ħabel wieħed sabiex naslu biex nilħqu dawn il-miri. Ikun żbaljat kull min għal raġunijiet li jagħtu vantaġġ momentarju, jagħżel li jiżra’ d-dubji u l-biżgħat fuq proġetti li se jgħinu l-pajjiż jiġġenera aktar enerġija nadifa li tfisser arja aktar nadifa, livell ta’ saħħa aħjar għal kulħadd u attivita’ ekonomika sostenibbli.












