B’reazjoni għall-istqarrija tal-Onor Brincat, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali huwa nfurmat mic-chairman tal-kumitat li r-rapport tekniku tal-kumitat li twaqqaf sabiex ifassal abboz ta’ strateġija għal adottazzjoni tat-tibdil fil-klima jinsab fl-aħħar tat-tlestija tiegħu.
Wieħed irid jifhem li dokument ta’ natura teknika, bħalma hu dan, mfassal minn nies tekniċi f’diversi oqsma b’mod volontarju, jista’ jdum ftit aktar milli mistenni sabiex jitlesta. Il-Ministeru japrezza u jifhem li dan ma sarx b’kapriċċ, iżda għax il-kumitat daħal fis-suġetti varji b’moda aktar profond. Il-Ministeru jieħu din l-okkażjoni sabiex jirringrazzja lil kull min qed jagħti sehmu f’dan il-kumitat sabiex titfassal din l-istrateġija.
Dan id-dokument ġaladarba jkun finalizzat sejjer jinħareġ għal konsultazzjoni pubblika. Il-Gvern filwaqt li diġa għamilha ċara li se jressaq dan id-dokument għal diskussjoni fil-parlament, jippretendi li l-Oppozizzjoni tersaq ‘il quddiem bil-proposti tagħha waqt il-perijodu ta’ kosultazzjoni pubblika u mhux tibqa’ gallarija. L-isfidi ambjentali jingħelbu mhux bl-istqarijiet politiċi iżda b’proposti u inizjattivi konkreti.
Wieħed kien jistenna li l-Onor Brincat isemma’ leħnu fuq l-azzjonijiet konkreti li ħa l-Gvern din il-ġimgħa fejn tħabbret, feed-in-tarrif favorevoli li ntlaqghet tajjeb ħafna mill-istakeholders, kif ukoll fetħet skema ġdida għal xiri ta’ pannelli fotovoltajiċi. Biss l-Onor Brincat ma lissen l-ebda kelma fuq azzjonijiet pożittivi intiżi biex ilkoll flimkien ikomplu niġġeneraw enerġija nadifa.












