 |
 |
 |
 |
Communications |
 |
 |
 |
 |
 |
 |
| |
|
Diskors ta’ l-gheluq mill-Onor. Francis Agius, Segretarju Parlamentari ghall-Biedja u s-Sajd waqt is-Seminar tal-Programm LEADER – Qawra |
Date:
27/11/2007
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li stedintuni sabiex nagħlaq dan is-Seminar fuq il-Leader. Għalkemm il-Leader huwa kunċett totalment ġdid għal Malta, kellu suċċess kbir fi Stati Membri oħra li diġa’ implementaw din l-iniżjattiva. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1991, l-Leader ġie rikonoxxut bħala mezz innovattiv li permezz tiegħu l-istakeholders lokali jipparteċipaw b’mod konkrett fl-iżvilupp tat-territorju rurali. Is-suċċess ta’ l-iniżjattivi u proġetti taħt il-Leader huwa msejjes fuq il-bottom-up approach, li jiddependi ħafni mill-parteċipazzjoni ta’ kull minn għandu għal qalbu l-ambjent rurali ta’ pajjiżna.
Id-Dipartiment ta’ l-Iżvilupp Rurali bħalissa jinsab għaddej bil-preparamenti finali sabiex il-Pjan għall-Iżvilupp Rurali (2007-2013) jiġi approvat mill-Kummissjoni u jkun jista’ jibda jiġi implimentat fl-iqsar żmien possibbli. Hekk kif il-Pjan jingħata l-approvazzjoni meħtieġa, id-Dipartiment ta’ l-Iżvilupp Rurali jiftaħ l-applikazzjonijiet għall-miżuri u l-poplu Malti jkun jista’ jibbenefika mill-fondi allokati.
Sabiex iniżjattivi taħt il-Leader jkunu jistgħu jiġu implimentati huwa neċessarju li jiffurmaw il-Local Action Groups (LAGs). Dawn l-għaqdiet jirrappreżentaw l-interessi kollha tal-komunita’ rurali Maltija u għandhom id-dmir li jippromovu proġetti u iniżjattivi li jtejjbu l-ħajja tal-komunita’ rurali b’mod partikolari, u l-ambjent Malti in ġenerali.
Għandna nagħtu importanża kbira lill-formazzjoni ta’ dawn l-LAGs, speċjalment li jkunu jinkludu rappreżentanza mid-diversi setturi tal-Komunita’ rurali. Dawn il-Gruppi ħa jkunu bbażati fuq il-parteċipazzjoni volontarja ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet u entitajiet varji kemm mis-settur Pubbliku, Kunsilli Lokali u entitajiet Governattivi, kif ukoll entitajiet Privati, għaqdiet mhux governattivi, għaqdiet tal-bdiewa, żgħażagħ u nisa. Inħoss li parteċipazzjoni bħal din tinkorpora lil dawk kollha li jibbenefikaw mill-proġetti li jitwettqu u li għandhom għal qalbhom l-iżvilupp tat-territorju rurali. Is-suċċess ta’ dawn il-gruppi fit-twettieq ta’ l-istrateġija għat-territorju hija bbażata totalment fuq il-potenżjal u d-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies.
Il-LAGs jridu jfasslu strateġija fejn jiġu identifikati n-nuqqasijiet tar-reġjun partikolari u jipprovdu soluzzjonijiet għalihom. Din l-istrateġija reġjonali għandha tkun konformi ma’ l-approċċ sħiħ tal-Pjan ta’ l-Iżvilupp Rurali għall-Gżejjer Maltin iżda tindirizza bżonnijiet partikolari tal-komunita’ u l-ambjent rurali tar-reġjun permezz ta’ proġetti innovattivi. Din l-istrateġija trid tiġi implimentata fuq medda ta’ seba’ snin.
Il-Leader jipprovdi il-mezzi sabiex titjieb il-kwalita’ tal-ħajja fiż-żoni rurali. Il-fondi taħt dan il-programm ma humiex biex jiġu realizzati proġetti kbar nazzjonali. Il-Leader jagħti l-opportunita’ sabiex permezz ta’ proġetti żgħar u l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentazzjoni vasta tal-komunita’ rurali jiġi mtejjeb it-territorju rurali u l-pajsaġġ Malti. Jiena ċert li matul dan is-seminar tawkom eżempji tanġibli ta’ kif jistgħu jiġu rrealizzati dawn il-proġetti.
Il-Leader hu wkoll strument li jgħin sabiex jitwettqu proġetti ta’ Kooperazzjoni kemm bejn gruppi lokali kif ukoll bejn gruppi internazzjonali kemm fl-Ewropa u mhux. Il-Gruppi Maltin ħa jkollhom l-opportunita jikkollaboraw ma’ Gruppi oħra li għandhom esperjenża kbira f’dan il-qasam. Esperjenża bħal din tagħti lok għal skambju ta’ idejat, tagħlim u metodi ġodda kif jiġu realizzati proġetti innovattivi għall-gżejjer tagħna.
Id-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali bħalissa għaddej b’kampanja informattiva dwar dan il-programm. Uffiċjali minn dan id-Dipartiment qegħdin jiltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ entitajiet Pubbliċi kif ukoll Privati bl-iskop li jagħtu informażjoni dwar l-Leader u joffru l-għajnuna u l-esperjenza tagħhom.
Jien konvint li bil-koperazzjoni ta’ kulħadd din l-iniżjattiva tikseb suċċess kbir u f’qasir żmien inkunu nistgħu naraw riżultati tanġibbli. |
|
|
|
| |
|
|
|
|
 |
 |
 |
|
|
|
 |
|
|
|
|