Government Logo
Ministry for Rural Affairs and the Environment Ministry for Rural Affairs and the Environment Logo: Featuring Windmill with Fish, Leaf, Bird and Drop
Home | The Ministry | Laws & Treaties | Initiatives | Statistics | Fact File | Links | Downloads | Contact Us
Press Releases | Archived Press Releases | News | Archived News | Speeches | Opinion Point | Photo Archive
* * *
* Communications * » Speeches *
* * *
* * *
 
Diskors tal-Ministru Pullicino waqt il-ftuh tad-dibattitu parlamentari dwar l-introduzzjoni ta' l-Eko-Kontribuzzjoni
Date: 20/07/2004

Naħseb li ma nkun qiegħed ngħid xejn ġdid jekk nirrepeti li dan il-gvern huwa mpenjat bil-fatti sabiex insolvu l-problema ta' l-immaniġjar f'pajjiżna. Il-problema ta' l-immaniġjar ta' l-iskart f'pajjiżna mhijiex problema li ġiet magħna issa, hija problema li ilha magħna, kien hemm mumenti fejn dan il-pajjiż sempliċement għaddas rasu u ħalla l-affarijiet għaddejjin mingħajr ma nieħdu l-azzjoni meħtieġa. Imma kien hemm mument oħrajn ukoll fejn il-gvern ħa konjizzjoni tal-problema kbira kif żviluppat u beda jfassal pjan. Pjan li huwa bbażat fuq numru ta' każijiet u ovvjament fuq numru ta' snin. Irrid ngħid li, nkluż matul l-aħħar snin, il-gvern impenja ruħu bil-fatti biex nibdew insolvu l-problema ta' l-immaniġjar ta' l-iskart, ma solvejnihiex, għadna fil-bidu tat-triq twila li rridu nieħdu lkoll flimkien. U meta ngħid lkoll flimkien mhux qed nirreferi biss għall-membri ta' din il-Kamra imma qed nirreferi għall-poplu Malti kollu li jrid jifhem li l-problema ta' l-iskart mhijiex problema tal-gvern, lanqas ma hija problema li tispiċċa mal-ħitan ta' dan il-Parlament imma hija problema li qabel xejn titlaq minn bejn l-erba' ħitan ta' kull dar u kull stabbilment li effettivament ipoġġi fuq pajjiżna l-iskart li jkun qiegħed jikkonsma. Tajjeb ngħid li matul l-aħħar xhur bdejna biex nindirizzaw bis-serjeta' dak li għandu bżonn jagħmel pajjiżna biex inkunu f'pożizzjoni biex nibdew insolvu din il-problema. Bdejna billi waqqafna li jintefa' l-iskart tal-kostruzzjoni minn ġewwa l-miżbliet li kellna f'pajjiżna u bdejna nindirizzaw dak l-iskart għal ġewwa l-barrieri. Irrid ngħid, li per eżempju, għada l-media se tkun mistiedna żżur numru proprju minn dawn il-barrieri li kienu sfreġju fuq l-art ta' pajjizna u li bil-mod il-mod bdejna nimlewhom bl-iskart tal-kostituzzjoni biex nagħlqu dawk il-ġrieħi. Meta ngħid bil-mod il-mod, mhux daqstant bil-mod il-mod għax meta wieħed jikkonsidra li għandna 500 trakk kuljum li effettivament ikun dieħel ġewwa dawn il-barrieri jarmi l-iskart ċertament li ma nistgħux ngħidu li qegħdin jimtlew bil-mod il-mod. Imma meta wieħed iqis din ir-rata, hija rata qawwija li rridu mhux biss nħarsu lejha ta' kuljum imma rridu wkoll nifhmu x'impatt għandha l-industrija tal-kostruzzjoni fil-qasam tal-produzzjoni ta' l-iskart f'pajjiżna.

Wara dak il-pass ħadna pass wkoll sabiex nagħlqu l-faċilitajiet perikolużi li kellna f'pajjiżna f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżbliet, jiġifieri qed nirreferi għall-miżbla tal-Magħtab u għall-miżbla tal-Qortin ġewwa Għawdex. Għalaqnihom qabel l-1 ta' Mejju. Jien niskanta meta xi kultant tkun qed tqalleb il-ġurnali u tara "Għalquha l-Magħtab jew ma għalquhiex?". Naħseb li l-messaġġ li kont għamilt jien meta effettivament għalaqna dawk il-miżbliet jista' jkun li ma ġiex trasmess biżżejjed tajjeb. Ir-raġuni hija sempliċi, min kien qed jaħseb li ġewwa l-Magħtab mhux se jara aktar dħul ta' skart irrid ngħid li aħna għamilna faċilita' abbażi ta' standards internazzjonali u standards Ewropew li m'għandha xejn x'taqsam mal-faċilita' li kellna. Fejn konna nitfgħu l-iskart bla addoċċ mingħajr l-ebda prekawzjoni għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-ilma, għal dak li għandu x'jaqsam mal-baħar, għal dak li għandu x'jaqsam mal-blat li hemm taħt il-miżbla. Aħna għamilna faċilita' li għandha ħames saffi ta' protezzjoni. Ninnota li sal-bieraħ taqra artikli ta' deputati minn ġo din il-Kamra li jagħmlu mistoqsijiet mingħajr lanqas biss jieħdu konjizzjoni ta' l-affarijiet kif ġraw f'dan il-pajjiż fuq din l-faċilita'. Huwa evidenti ħafna li dak li għamilna għar-rigward tal-barrieri u għal dak li għandu x'jaqsam li għalaqna l-faċilitajiet, huwa biss l-ewwel pass. Irridu nagħmlu ħafna passi oħra lkoll flimkien.

L-ewwel ħaġa ħalli nibdew mill-miżbliet stess. Il-miżbliet li għalaqna mhux issa se noqogħdu nħarsu lejhom u nippretendu li jiġri xi ħaġa, rridu qabel xejn nirriabilitaw dawk ż-żewġ miżbliet, il-miżbla tal-Magħtab, l-miżbla tal-Qortin kif ukoll l-miżbla li kellna f'Wied Fulija. Dawn irridu nirriabilitawhom. X'ifisser meta ngħidu rridu nirriabilitawhom? Ifisser li rridu qabel xejn insaħħu partijiet minnhom fejn għad hemm il-biżgħa li jista' jkollok kolass ta' partijiet mill-miżbla li jista' ovvjament imbagħad jagħti ċ-ċans lill-gassijiet li huma maqbuda li joħorġu. U rrid ngħid - ma nkun qed ngħid l-ebda sigriet ta' l-istat - li ovvjament mill-miżbliet ħerġin il-gassijiet, ħierġa d-dioxide għax għandek ammont ta' gass hemm ġew li ikun qiegħed ħiereġ. Aħna meta ngħidu rijabilitazzjoni nfissru li rridu nsaħħu fejn għad hemm il-biżgħa li jista' jkollha, irridu niġbdu l-gassijiet li hemm f'dawk il-miżbliet, imbagħad meta niġbdu dawk il-gassijiet rridu naħarqu dak il-gass li nkunu qegħdin niġbdu. Irrid ngħid, per eżempju, fuq il-miżbla tal-Magħtab irridu nagħmlu xejn anqas minn 600 bir tal-ħadid biex inkunu f'pożizzjoni li nistgħu niġbdu dak l-gass li jkun ħiereġ minn dik il-miżbla u kif għedt naħarquh b'temperatura ta' 'l fuq minn 1,200 ċentigradu. Irridu nagħmlu wkoll titjib fl-impjant tat-trattament ta' l-iskart ta' Sant'Antnin. Kulħadd jitkellem fuq il-ħtieġa tas-separazzjoni ta' l-iskart, imma xi ħaġa li ftit tisma' hija li biex effettivament inmorru għall-persentaġġ ħafna akbar ta' ġbir ta' skart li jkun separat, iridu wkoll jkollna faċilita' f'pajjiżna biex aħna nipproċessaw dak l-iskart. Sal-lum l-impjant għat-trattament ta' l-iskart ta' Sant'Antnin mhuwiex suffiċjenti u jrid apparti li jitkabbar għal volumi akbar rrid ukoll ikun ta' standards ħafna aħjar minn dak li għandna llum.

Irridu wkoll nżidu l-ammont ta' bring-in sites, sal-lum inti tagħraf 50 post f'pajjiżna, erba' skips ħdejn xulxin, waħda għall-karti, waħda għall-ħġieġ, waħda għall-metal .... Minn dawk għandna 50 f'Malta u f'Għawdex, sas-sena li ġejja rridu li jkollna madwar 300 minn dawk il-bring-in sites biex nagħtu aktar opportunita' lin-nies li jkunu f'pożizzjoni jisseparaw l-iskart u dak l-iskart separat jieħdu f'dawn il-lokalitajiet li qiegħed ngħid. Irridu nmorru wkoll għal sistema ta' separazzjoni fid-djar u rrid ngħid li l-Gvern għandu jirċievi rapport għal dak li għandu x'jaqsam ma' effettivament kif ser isir dan is-separazzjoni ta' l-iskart. Kif diġa' għedt pubblikament, ma nafx kemm-il darba, ovvjament il-pjan se jkun pjan maqsum fuq numru ta' fażijiet għax ma nistgħux anke abbażi tal-fatt li għad m'għandniex il-faċilitajiet neċessarji li nagħmlu kollox f'daqqa. Dan irridu naslu għalih imma rrid ngħid xi ħaġa li xi kultant ninsew jew forsi m'għandniex biżżejjed informazzjoni fuqha. Is-separazzjoni ta' l-iskart nistgħu ovvjament inżidu l-persentaġġ ta' dak li għandna li llum nisseparaw, imma ħadd m'għandu x'jaħseb jew jimmaġina jew joqgħod joħlom li xi darba se naslu biex effettivament ikollna xi 60%, 80% jew saħansitra aktar mija fil-mija ta' l-iskart tagħna li effettivament ikun separat. L-aktar pajjiż li rnexxielu jasal f'persentaġġ għoli ta' separazzjoni ta' l-iskart li huwa l-Germanja qatt ma qabeż aktar minn 40% ta' l-iskart tiegħu li effettivament ġie separat. U allura wieħed irid iżomm f'moħħu li filwaqt li rridu qabel xejn nimpenjaw lkoll kemm aħna, biex inaqqsu l-ammont ta' skart li niġġeneraw, irridu wkoll nerġgħu nutilizzaw dak li kapaċi nirkupraw minn dak l-iskart li kull wieħed u waħda minna jikkonsma.

Apparti l-bring-in sites hemm bżonn li nżidu dak li jissejjħu civic ...... sites, jiġifieri l-postijiet reġjonali mqassmin f'Malta fejn jekk jien apparti li għandi s-sistema tal-bulk refuse, jekk jien kaħħal jew jien bennej u għandi ftit materjal li nkun iġġenerajt, jien ikun nista' nieħdu f'post. Dawk huma faċilitajiet li wkoll rridu nagħmlu fix-xhur li ġejjin. Diġa' semmejt il-kontroll tal-gassijiet fil-miżbla tal-Magħtab ta' Wied Fulija u l-Qortin. Hemm ukoll is-separazzjoni ta' l-iskart fid-djar li rridu nżidu b'ritmu ħafna aktar fix-xhur li ġejjin. Hemm ukoll inizjattivi oħra. Inizjattivi li huma kollha ta' investiment biex dan il-pajjiż ikollu sistema ta' immaniġjar ta' l-iskart sostenibbli. Inkluż l-ispiża kapitali għal dawn il-faċilitajiet kollha ma tiswiex sold. Biżżejjed ngħid li l-ispiża kollha kapitali għal dawk li huma proġetti biss, mhux qed nitkellem fuq l-ispiża biex effettivament nimmaniġjaw dawn il-faċilitajiet, tiswa xejn anqas minn Euro 32 miljun, spiża li rridu nagħmlu fit-tlett snin li ġejjin. Spiża li minnha iva l-Unjoni Ewropea għax temmen f'sistema ta' immaniġjar ta' skart sostenibbli għax dik hija wkoll ta' gwadann għall-persuna umana, se sostni din l-ispiża, se tgħinna billi tagħtina Euro 24 miljun minn Euro 32 miljun. Nirrepeti meta qed nitkellmu fuq Euro 32 miljun dik hija biss l-ispiża kapitali, hemm ovvjament l-ispiża rikorrenti. Biżżejjed ngħid li l-ispiża rikorrenti tal-waste ....din is-sena hija spiża ta' Lm4 miljun. Hija spiża li aħna lkoll rridu nsostnu jekk irridu verament li jkollna sistema li tkun differenti minn dak li drajna sal-lum f'pajjiżna.

Irrid ngħid għax xi kultant nieħdu l-affarijiet for granted x'jiġri meta jien nikkonsma xi ħaġa, nitfagħha fil-borża u noħroġha barra l-bieb fil-għodu. X'inhi l-ispiża li għandek f'dik il-linja ta' l-immaniġjar ta' l-iskart? Għandek qabel xejn l-ispejjeż diretti ta' l-operazzjoni mill-ġbir, sa meta jintrema' l-prodott. Għandek il-kapital u l-ispejjeż indiretti ta' l-operazzjoni mill-ġbir sar-rimi tal-prodott. Għandek l-ispejjeż diretti u indiretti li għandhom x'jaqsmu ma' l-ippjanar, ma' l-informazzjoni, ma' kampanji ta' edukazzjoni, mas-superviżjoni u mal-amministrazzjoni kif ukoll spejjeż oħra. Dawn aħna xi kultant ma naħsbux fuqhom, aħna ovvjament noħorġu l-iskart fil-għodu u jkun jinteressana li jinġabar, meta niltilqu lejn l-iskola jew il-post tax-xogħol. Ma nkunux qegħdin naħsbu fil-proċess kollu li jrid jgħaddi minnu dak l-iskart li aħna noħorġu. Kif diġa' għedt jekk irridu sistema sostenibbli għall-immaniġjar ta' l-iskart rridu nifhmu li din tiswa l-flus. Irridu nifhmu wkoll li dan huwa wieħed mill-kważi, jekk mhux l-uniku pajjiż, fejn għandek ġabra ta' l-iskart kuljum. Għal dik il-ġabra ta' l-iskart hija ġabra li apparti li ssir kuljum ħadd ma effettivament għandu xi rata fuqu abbażi jew tad-dar fejn hi jew abbażi tal-piż li jitfa', abbażi tal-volum. Imma rrid ngħid li aħna rajna wkoll pajjiżi oħrajn x'għandhom, reġjuni u bliet oħrajn x'għandhom fl-Ewropa. U dawn kollha għandhom rati abbażi jew ta' kemm hi kbira d-dar, jew tad-dar fejn hi, jew tal-post tax-xogħol fejn hu, jew ta' kemm effettivament titfa' piż ta' skart jew il-volum, u aħna minn dak m'għandna xejn. Aħna dak irrid jagħmel tajjeb għalih l-istat mill-flus li niġbru f'dan il-pajjiż.

Kif diġa' għedt l-Unjoni Ewropea se tagħmel tajjeb għall-parti mill-ispiża ta' dak li għandu x'jaqsam mal-faċilitajiet, imma hemm ovvjament parti minn dan il-piż li rridu nsostnu aħna għall-faċilitajiet u hemm ukoll il-piż kollu għall-amministrazzjoni ta' dawn il-faċilitajiet li rridu noħorġu aħna bħala poplu Malti. Meta rajna din l-istampa kollha, aħna dehrilna li bħala triq li rridu naqblu biex inkunu qegħdin f'sitwazzjoni li vera nsostnu dan il-programm ambizzjuz li għandna tal-faċilitajiet għall-immaniġjar ta' l-iskart hemm bżonn nieħdu deċiżjonijiet.

Ħadd ma jieħu gost jieħu deċiżjonijiet li jiġbor flus imma morna għal sistema ta' ġbir ta' flus li m'għandix biss l-għan innifsu li niġbru l-flus, imma għandu wkoll għan li kemm jista' jkun nippruvaw nindirizzaw lill-konsumatur biex imur għall-użu ta' ċertu prodotti li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent minn oħrajn. Meta nitkellem fuq ġbir ta' flus irrid ngħid li meta wieħed jikkalkula kemm effettivament sejrin niġbru, jew ikkalkulat li niġbru minn din l-eko-kontribuzzjoni, effettivament dak li se niġbru se jkun qiegħed biss iħallas għall-parti mill-ispiża li għandna għall-implimentazzjoni ta' sistema sostenibbli. Le, f'dak li huwa kkalkolat li se niġbru mhux se tagħmel tajjeb għall-ispiża kollha li għandna biex insostnu din is-sistema.

It-tieni għan li qed nagħmlu din l-eko-kontribuzzjoni huwa l-għan li diġa' semmejt li kemm jista' jkun nagħmlu lill-konsumatur konxju mill-ħtieġa li juża materjali li jnaqqsu l-volum ta' l-iskart kif ukoll l-impatt fuq l-ambjent ta' pajjiżna. U nispjega aktar fid-dettall aktar tard. Irrid ngħid li kif qal tajjeb anke l-Prim Ministru fil-konferenza stampata l-ġimgħa l-oħra meta qed nitkellmu fuq ir-revenue, fuq il-ġbir tal-flus, aħna din is-sistema m'aħniex nħarsu lejha bħala xi sistema perfetta, xi sistema li hija pinna imma huwa l-ewwel pass biex dan il-pajjiż jadotta l-polluter pace principle bis-serjeta' f'pajjiżna. Mhijiex perfetta, u smajna u lesti nkomplu nisimgħu fil-ġranet u fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin biex din is-sistema nirfinawha. Imma ma jistax ikun li la nittardjaw u lanqas nipposponu din id-deċiżjoni għax dak li għandna bżonn nagħmlu fil-qasam ta' l-immaġinar ta' l-iskart huma ħteġijiet immedjati li ma jistgħux jibqgħu jintefgħu taħt it-tapit.

Mr Speaker, irrid ngħid li kkonsultajna ma' l-għaqdiet, kien hemm min ikkritikana li ma kkonsultajnix biżżejjed, bħal dejjem tkun tixtieq li tikkonsulta aktar imma ovvjament ukoll anke l-gvern għandu t-targets u d-deadlines tiegħu. Ikkonsultajna kemm stajna u rrid ngħid u nirrepeti li dik il-konsultazzjoni mhijiex konsultazzjoni li saret u spiċċat. Imma hija konsultazzjoni li se nkomplu għaddejjin fuqha. Irrid ngħid li l-gvern ikkonsulta mal-Federazzjoni ta' l-Industrija u rrid ngħid li għal dak li għandu x'jaqsam mal-Federazzjoni ta' l-Industrija ilna anke minn qabel il-budget niddiskutu mal-bottlers, per eżempju, ma' l-industrija ta' min jipproduċi x-xarbiet f'pajjiżna biex nippruvaw naslu għal sistema li ħadmu huma, fejn il-flixken tal-ħġieġ u tal-plastik ... Jagħmlu sistema li jħaddmuha huma li nsostnuha aħna biex taħdem. U konna ilna għaddejjin imma rrid ngħid li sfortunatament anke ftit ġimgħat ilu effettivament ġew għandi u qaluli : Isma' dik is-sistema li konna qed niddiskutu m'aħniex f'pożizzjoni li nimplimentawha għax l-istakeholders l-oħrajn, minkejja li ħadu l-inizjattiva tnejn minnhom, ma kellhomx il-koperazzjoni tal-kumplament biex effettivament jimplimentaw dik is-sistema. Għamilna wkoll konsultazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ u mal-GRTU. Imma naħseb li qed nagħmlu wkoll pass importanti anke f'din il-miżura, forsi wkoll hija l-ewwel darba fejn qed niddiskutu abbozz ta' liġi u immedjatament meta lanqas biss għadha għaddiet, minn issa qed ngħidu li aħna dan beħsiebna neħduh imma se nwaqqfu kummissjoni biex b'mod immedjat tidħol fid-dettall ta' dan u tgħaddi r-rakkmandazzjonijiet tagħha lill-gvern sal-aħħar ta' Ottubru li ġej.

Importanti wieħed jgħid, Mr Speaker, abbażi ta' xhiex ġiet deċiża din l-eko-kontribuzzjoni. Kellna diversi options, kellna diversi toroq li stajna nieħdu, morna għal sistema li hija bażikament ibbażata mhux fuq fejn joqgħod il-persuna, mhux fuq kemm għandu flus il-persuna, mhux fuq kemm jiġġenera skart dak il-persuna, morna għal sistema ta' kemm effettivament jikkonsma l-persuna. Stajna għamilna bħal pajjiżi oħrajn jew stajna għamilna kif għamlu ċerti gvernijiet anke f'dan il-pajjiż li jaqbdu l-ispiża biex ikollna faċilitajiet, infrastruttura għad-dawl, għall-ilma, għad-drenaġġ u jgħidu mela l-ispiża daqshekk, kemm għandna djar f'dan il-pajjiż, daqshekk, mela naqbdu dik l-ispiża u niddividuha b'kemm għandna djar. Stajna morna għal dik il-formula, formula faċli ħafna li ma teħodlokx iktar minn ħames minuti biex tagħmilha. Imma għax aħna gvern li nieħdu konjizzjoni wkoll tal-fatti u ħteġijiet soċjali li għandu dan il-pajjiż ma morniex għal dik is-sistema, morna għal sistema li hija bbażata fuq is-sistema tas-sisa.

Importanti ngħid u nirrepeti xi ħaġa li diġa' għedna, imma tajjeb nirrepetiha għax forsi mhux kulħadd għadu fehemha. Meta qed nitkellmu fuq l-eko-kontribuzzjoni din mhux se titħallas mir-retailer imma titħallas mill-produttur tal-materjal jew mill-importatur tal-materjal kif speċifikat fil-lista, meta dak il-produttur jew l-importatur effettivament jpoġġi fuq is-suq il-prodott tiegħu. Importanti ngħid li din mhijiex kontribuzzjoni jew kif kien hemm min sejħilha taxxa fuq dak li effettivament jinbiegħ. Mela jekk jien mort għand tal-ħanut u xtrajt flixkun luminata, għalkemm fir-rati li għamilna hemm ċenteżmu fuq kull flixkun, tal-ħanut ma jistax lili effettivament jiċċarġjani 1c ta' kull bejgħ, ta' kull darba li jiena nixtri dak il-flixkun. Għalfejn? Għax is-sistema hija sistema abbażi tal-materjal. Huwa kkalkolat li flixkun tal-ħġieġ inti effettivament tużah għaxar darbiet mill-inqas. Inti timlih, tpoġġih fuq is-suq....Għandek flixkun aktarx ġibtu minn barra, dak il-flixkun imlejtu u poġġejtu fuq is-suq. Inxtara, inxtorob, u reġa' mar lura fil-fabbrika u reġa' mtela'. U erġajt biegħejtu, huwa kkalkolat li kull flixkun tal-ħġieġ li jidħol f'pajjiżna mill-inqas jimtela' għaxar darbiet. Aħna qed ngħidu rata ta' ċenteżmu fuq kull flixkun li effettivament jidħol fis-sistema ta' l-iskart. Mela allura fuq kull għaxar darbiet li jinbiegħ dak il-flixkun effettivament qed nagħmlu kontribuzzjoni ta' milleżmu fuq dak il-flixkun. U mhux ta' ċenteżmu fuq kull bejgħ, kull darba li jinbiegħ dak il-flixkun.

Qgħadna wkoll attenti li din biha nistimulaw sistemi ta' ġbir ta' l-iskart. Nagħmilha ċara, għandna ħtieġa iva li niġbru l-flus imma għandna ħtieġa wkoll li effettivament ikollna sistemi ta' ġbir ta' materjal possibilment lill-privat innifsu biex dak il-materjal ma jispiċċax għand il-waste serve, l-aġenzija tal-gvern għal dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir ta' l-iskart, imma jkun qiegħed jiġbru hu, jirkupra hu l-materjal minnu u jiddisponi hu minnu dak l-iskart. Hemmhekk irridu naslu kif waslu anke pajjiżi oħrajn. Irrid ngħid ukoll li l-gvern qagħad attent li b'din il-miżura ma jżidx il-burokrazija bla bżonn.

Kif intqal diġa' l-kontribuzzjoni ser tinġabar permezz ta' dikjarazzjoni li ser tiġi annessa mad-denunzja tal-value added tax. Id-denunzja fuq dan il-prodott, mhux ir-retailer, mhux tal-ħanut se jagħmilha, se jagħmilha l-produttur jew l-importatur kif diġa' għedt meta jpoġġi dak il-prodott tiegħu fuq is-suq. B'hekk qgħadna attenti li ma jkunx hemm bżonn li jimtlew formoli żejda imma jiġu ndikati l-ammonti ta' oġġetti li tagħhom tkun ser tinġabar l-kontribuzzjoni.

L-abbozz ta' liġi ta' l-eko-kontribuzzjoni rrid ngħid li huwa abbozz pubbliku, r-rati huma dawk li huma u tajjeb li forsi ngħid anke x'inhuma r-rati u fuq liema oġġetti. M'għamilniex eko-kontribuzzjoni fuq kollox, qgħadna ma' dak li għedna fid-diskors tal-budget li għadda. Din mhix xi ħaġa li ħriġna hekk issa għax xi ħadd skopra li għandna xi problemi ta' deficit. Dażgur li għandna, Onor. Mangion, problemi ta' deficit. Għandna kif kellkom intom u pruvajtu tindirizzawhom b'metodi li ma qbilniex magħhom. Mhux għax mhux importanti tindirizza d-deficit, importanti ħafna. Id-diskussjoni li jkollna bejnietna ż-żewġ naħat tal-Kamra mhux jekk għandniex nindirizzaw d-deficit, l-mod ta' kif nindirizzawh dak id-deficit. Imma meta aħna ġejna biex nibbażaw id-deċiżjoni tagħna bbżajniha fuq sistema ħafna aktar ekwa mill-mod kif intom ridtu tindirizzaw l-kwestjoni ta' ġbir ta' flus f'dan il-pajjiż biex tagħmlu tajjeb għall-infiq li jkollu l-gvern.

Irrid ngħid li fid-diskors tal-budget għedna li se nagħmlu eko-kontribuzzjoni fuq numru ta' prodotti u l-prodotti li se jkollhom rata ta' eko-kontribuzzjoni huma l-flixken, l-cans, dawk li huma mhux alkaħoliċi inkluż l-birra se jkollhom rata ta' ċenteżmu, dak li għandu x'jaqsam ma' l-inbid u alkaħoliċi oħra 5c, hemm rata fuq numru ta' toiletries u prodotti tal-kosmetika, ma għamilnihiex fuq kollox, ma għamilnihiex fuq il-prodotti li l-iktar jiġu kkonsmati kuljum min-nisa li jmorru jixtru jew inkella minna lkoll. Morna fuq items li huma aktar ta' livell għoli. Għamilna eko-kontribuzzjoni fuq it-tyres tal-vetturi ta' pajjiżna, li tajjeb ikollok puncture u tmur tbiddlu. Ħadd ma jaħseb kif effettivament dak it-tyre se jmur fis-sistema ta' l-iskart u kemm effettivament iqum biex inti tiġbru u inti tgħaddih u tirriċiklah dak it-tyre. Inti tħallas lil dak li tmur tixtri t-tyre mingħandu u ftit taħseb fuq dawn il-problemi. Imma huma problemi li mbagħad ħaddieħor irid jaħseb għalihom.

Għamilna rata inkluż fuq il-batteriji tal-karozzi li nsuqu. Għamilna rata ta' 10c fuq iż-żejt tal-karozzi, għamilna rata ta' 5c fuq l-oil filters, għamilna wkoll rati fuq white goods bħal air-conditioners, water heaters r-rata hija ta' Lm3, fuq dak li għandu x'jaqsam ma' l-air conditioners għamilniha Lm12, fuq television u monitors sa 28 pulzier għamilnih ta' Lm5, għal dak li huwa ikbar għamilnih Lm15. Imma anke meta ġejna biex nagħmlu dawn ir-rati, qabel xejn rajna x'iqum lill-waste serve, x'iqum lilna biex niġbruh u nipproċessawh dak l-iskart. Ħadna konsiderazzjoni wkoll ta' l-aspett soċjali. Per eżempju, l-qasam tat-televisions għalkemm effettivament l-ispiża, l-cost li għandna biex aħna niġbru t-television, nisseparaw il-komponenti minnu, u ngħadduh mis-sistema li jiswa aktar, aħna morna għal rata li hija anqas, għax rajna wkoll konsiderazzjoni soċjali. Kif l-istess huwa il-kas f'ta' telephones fil-pajjiż. Morna għal dawn ir-rati għax deherilna li huma rati li ovvjament ma nistennewx iċ-ċapċip mingħand ħadd meta tagħmel sistema ta' ġbir ta' flus, imma rridu nifhmu l-obbligazzjonijiet li għandna mhux lejn l-Unjoni Ewropea, imma lejn uliedna qabel xejn, lejna nfusna biex nagħtu lil dan il-pajjiż sistema ta' immaniġjar ta' l-iskart li tissalvagwardja saħħitna u tissalvagwardja saħħet it-tfal tagħna.

Tajjeb wieħed jgħid li l-gvern ta kas tal-kummenti li saru mis-segretarjat tas-self employed u intrapriżi żgħar u fil-fatt kuntrarjament għal kif inhu indikat fl-abbozz ta' liġi, l-pieni għal reati kriminali f'dan l-abbozz se jkunu allineati mal-pieni għal reati kriminali ta' l-istess xorta u l-istess gravita' li hemm fil-liġi tal-VAT. Għadaqstant tajjeb ngħid li mhux se jkun hemm pieni ta' priġunerija għal reati kriminali fil-liġi ta' l-eko-kontribuzzjoni. Aħna lesti nisimgħu f'din il-Kamra, lesti nisimgħu mill-Kummissjoni, lesti nisimgħu mill-istakeholders, mill-industrija, mill-importaturi, lesti nisimgħu wkoll mill-għaqdiet ambjentali kif din l-idea li qegħdin inxekklu u nibdew nimplimentaw illum, nkunu f'pożizzjoni biex nistgħu niddefenuha aħjar fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Infatti l-gvern ħa anke l-parir - ma niddejjaqx ngħid - tal-Federazzjoni ta' l-Industrija li nwaqqfu kummissjoni li sal-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena teżamina l-effett ta' dawn ir-rati ta' kontribuzzjoni kif ukoll tistudja l-introduzzjoni ta' sistema ta' ġbir ta' materjali mill-produtturi u l-importaturi ta' pajjiżna. Irrid ngħid li din il-kummissjoni se tipparteċipa fiha anke r-rappreżentanti ta' l-FOI, tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-GRTU. Bħalma dejjem għamel dan il-gvern lest jibqa' jisma' u jieħu s-suġġerimenti imma dan ma jfissirx li ma nagħmlux l-ewwel pass. Hemm bżonn nagħmlu l-ewwel pass jekk irridu bis-serjeta' nibdew nimplimentaw bil-fatti u nsostnu s-sistema ta' l-immaniġjar f'pajjiżna. Lesti nisimgħu suġġerimenti nkluż ta' l-għaqdiet ambjentali.

Irrid ngħid li kuntrarjament għal dak li anke deher f'ċerti ġurnali, l-eko-kontribuzzjoni mhux se tiġi applikata għall-prodotti li jkunu esportati minn pajjiżna imma din hija eko-kontribuzzjoni fuq dawk il-materjali li effettivament imorru fis-sistema ta' l-iskart li jkun ġenerat ġewwa pajjiżna.

Irrid insemmi punt ieħor. Jien nifhem l-argument li għamlu x'uħud li qalu, imma kif jista' jkollok l-fridge li tkun eco friendly u effettivament din tħallas daqs il-fridge li mhijiex eco friendly. Filwaqt li nifhem dan it-tip ta' argument irrid ngħid li wieħed irid jikkonsidra żewġ konsiderazzjonijiet oħra. L-ewwel konsiderazzjoni, li kull sistema li nadottaw trid tkun sistema li tista' b'mod effettiv tamministra. Jista' jkollna ħafna ħolm u ħafna ideat u jekk tispiċċa bil-mod ta' kif taħseb li se timplimentaha tħalli fiha toqob - u toqob li anke aħna l-Maltin rinomati li toqba żgħira nispiċċa ngħaddi anke jien minna; kif toqba żgħira niftħuha u niftħuha - imma rridu nippruvaw nagħmlu sistemi li effettivament ikunu kemm jista' jkun jistgħu jnaqqsulek iċ-ċans ta' l-abbuż jew għallinqas tnaqqas dak iċ-ċans ta' l-abbuż. Irrid ngħid u nindika li meta inti għandek uffiċjali tal-gvern li sejjer jagħmel audit trid tagħmel dik is-sistema, sistema li tagħmel ħajjet l-uffiċjal faċli biex jamministraha. Jien, per eżempju, mhux indikat lilna bħala gvern li għandek dak li jissejjaħ HS Code differenti. X'inhu l-HS Code? L-HS Code huwa dak li jgħidulu fl-Unjoni Ewropea harmonized system code, jiġifieri kull prodott għandu code biex inti tkun taf, għandek sistema stabbilita' ta' prodotti u taf il-kodi tagħhom u ħadd ma jista' jgħidlek dak mhux bħal dak u dak mhux bħal dak. Imma għandek l-affarijiet definiti. Aħna mhux indikat li hemm xi HS Code differenti għall-fridge eco-friendly u għall-oħra li mhijiex. Allura rridu nifhmu li ma nistgħux inħallu toqob fejn l-uffiċjal meta jmur jagħmel audit jgħidlu dik eco-friendly u dik mhijiex. Jibda jitħawwad liema rata se jadotta. Apparti l-fatt - u dan nispera li jifhmuh l-membri ta' din il-Kamra u anke nies oħrajn - li meta qed nitkellmu fuq fridge eco-friendly jew waħda li mhijiex, l-ispiża effettivament biex inti tiġbor u tirkupra l-materjal minn dik il-fridge ma jagħmilx differenza jekk hix eco-friendly jew le. Tagħmel differenza sakemm qed taħdem, jekk tikkonsmax aktar enerġija jew tarmix CFC's. Imma meta inti tfajtha fis-sistema ta' l-iskart ma tagħmilx differenza f'dak li huwa management ta' l-iskart, l-istat irrid finalment jagħmel tajjeb, hawnhekk qed nindirizzaw is-sistema ta' l-iskart. Ma jfissirx li m'hemmx konsiderazzjonijiet oħra. Minkejja li għedt dan aħna lesti li nisimgħu suġġerimenti biex fejn hu possibbli nadottaw dak li hu prattikabbli biex nadottaw. Nirrepeti, Mr Speaker, li meta aħna qed nagħmlu din is-sistema għax irridu mhux biss niġbru l-flus, irridu nħajru l-aktar lill-privat jpoġġi fuq is-suq sistemi ta' ġbir effettiv ta' dawk il-prodotti. Irridu li l-privat jieħu hu l-inizjattiva. Tajjeb nirrepeti ma nafx għal kemm-il darba pubblikament li l-abbozz innifsu ta' l-eko-kontribuzzjoni jitkellem b'mod ċar li jistgħu jkunu eżentati mill-eko-kontribuzzjoni parzjalment jew b'mod sħiħ dawk il-prodotti li l-privat jidħol biex jiġbor u jirriċikla. Mela jekk għada - u jien nittama li nkluż il-produtturi tax-xogħol f'pajjiżna - jiftiehmu li jdaħħlu sistema, aħna jkollna l-faċilita' abbażi ta' dan l-abbozz li meta jkollna t-talba neżentaw l-eko-kontribuzzjoni b'mod sħiħ jew parzjalment, abbażi ta' kemm tonqos l-ispiża fuq l-istat, neżentaw dik l-eko-kontribuzzjoni. Jien qed nirrepeti dan għax sfortunatament jidhirli li dan huwa punt pożittiv li għadu ma ġiex biżżejjed rifless fir-rapporti anke tal-media f'pajjiżna.

Irrid ngħid u nirrepeti li fil-każ tal-bottlers nittamaw li jkunu huma fost l-ewwel nies li jadottaw sistemi ta' ġbir privati biex aħna bħala stat inaqqsu l-ispiża tagħna u jkollna wkoll sistemi effettivi ta' ġbir ta' skart. Punt ieħor li fil-media sfortunatament ma sabx biżżejjed riflessjoni, fl-abbozz qed ngħid li tant aħna nemmnu li rridu nixprunaw lill-privat biex jidħol għal sistemi ta' ġbir, li qed ngħidu li se niddedikaw mhux anqas minn 5% ta’ dak li effettivament niġbru mill-eko-kontribuzzjoni biex imur lill-produtturi jew lill-importaturi biex jimplimentaw skemi ta’ din ix-xorta ta’ ġbir ta’ skart. Mela aħna parti minn dak li se niġbru bħala flus se ngħadduh ukoll bħala grant lill-industrija u lill-importaturi biex ipoġġu fuq is-suq sistemi ta’ ġbir.

Meta ġie biex jistabilixxi r-rati l-gvern ta wkoll importanza lill-aspett soċjali, iva, u jien filwaqt li qed nitkellem smajt lil xi ħadd jgħid x’inhu l-impatt. L-impatt irrid ngħid li huwa u ġie kkalkulat li fil-massimu tiegħu jista’ ikun ta’ 0.84% ta’ dak li għandu li x’jaqsam mar-retail price index. GĦalfejn qed ngħid massimu, qed ngħid dan għaliex meta jkollok sistemi mill-privat li jidħlu, u aħna nagħtu l-eżenzjoni ta’ l-eko-kontribuzzjoni, allura l-impatt fuq ir-retail price index jonqos u mhux jiżdied. Aħna rajna l-affarijiet b’mod serju biex kemm jista’ ikun l-impatt inkluż fuq ir-retail price index ikun minimu.

Irrid ngħid li l-gvern ċertament ma abbdikax mir-responsabiltajiet tiegħu għal dak li għandu x’jaqsam mal-qasam soċjali, inkluż meta ġie biex jiddefinixxi kif għandha ssir din l-eko-kontribuzzjoni. Kif diġa għedt, per eżempju, fuq dak li għandu x’jaqsam mat-televisions u mat-telephones minkejja li l-ispiża biex effetivemant jinġabar u jiġi rkuprat u jiġi rriċiklat dak il-materjal huwa aktar ma morniex għal rati abbażi ta’ dik l-ispiża imma morna għal rati li huma aktar ekkwi u aktar jagħmlu effetivament sens.

Nirrepti Mr Speaker, bl-ebda mod m’huwa veru li aħna għamilna xi miżura li tixbaħ lid-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dan il-pajjiż bejn l-1996 u l-1998. Nirrepeti aħna ma qbadnix l-ispiża u qassamnija fuq kull dar. Kien hemm min inkluż fil-laqgħat ta’ konsultazzjoni li kellna, li qalilna li missna nagħmlu poll tax u r-risposta tagħna kienet le, bħala gvern m’huwiex deċiż u m’huwiex lest li jagħmel poll tax fuq kull familja, fuq kull dar għax m’hijiex proposta ekwa, m’hijiex proposta li hija ġusta soċjalment. Jiena nibqa` dejjem nuża l-eżempju tiegħi, raġel miżżewweġ b’tifla, għandi jiena nħallas kontribuzzjoni għall-immaniġjar ta’ l-iskart daqskemm għandha tħallas ommi li hija mara pensjonanta. Ir-risposta hija le, u dak li mhux adattat għall-ommi mhu adattat għal ħadd aktar fis-soċjeta` Maltija. U għalhekk morna għal sistema li hija bbażata fuq dak li għandu x’jaqsam mal-konsum u ma’ użu ta’ ċerti materjali ta’ konsum.

Kien hemm min qalilna u rajna fil-ġurnali t-talba biex nipposponu din il-miżura. Kif diġa għedt ħadd ma jieħu gost u jiġi f’dan il-parlament jipproponi miżuri ta’ ġbir ta’ flus. Imma rridu nifhmu li dan il-gvern m’għandux biss l-obbligu li jara li d-deficit jonqos, għandu obbligu wkoll lejna, lejn il-poplu Malti u lejn uliedna li jkollna sistema ta’ maniġġjar ta’ l-iskart sostenibbli għall-pajjiżna. Huwa importanti li nibqa’ nirrepeti dan għax biex imorru għal dak dak jiswa mhux sold u nofs imma jiswa flus kbar kif diġa’ għedt. GĦax aħna gvern serju rridu nindirizzaw din il-problema b’mod serju, b’mod li huwa ppjanat, li nkunu nafu li l-passi li għandna bżonn nieħdu fix-xhur u fis-snin li ġejjin ma jkunux sempliċiment passi li jkunu fi ktieb aħdar, miktub iswed fuq l-abjad imma jkunu passi li jkunu bbażati fuq strateġija, imma jkunu sostnuti minn finanzjarment biex inkunu ċerti li dak li qed nippjanaw għandna kif insostnuh. Ma ġejniex hawnhekk biex nipproponu miżura fiskali biex tagħmel tajjeb għall-ispiża kollha li għandna biex nimmaniġġjaw l-iskart, ġejna hawn mhux b’gost jew bi pjaċir iżda ġejna hawn b’responsabilita` lejna, lejn dan il-poplu u lejn uliedna biex ikollna finanzjament ta’ faċilitajiet u servizzi biex nimmaniġġjaw l-iskart li aħna kull wieħed u waħda minna nikkunsmaw u narmu.

Irridu nifhmu li ma nisgħtux le, nibqgħu nistennew, irridu nimplimentaw dak il-pjan li aħna għandna u għandna wegħda mal-poplu li dak nagħmluh u b’responsabilita` dak il-piż se nerfgħuh biex inwettquh. U nirrepeti u nieqaf hawn Mr Speaker, qed niġu hawn u ġejna hawn għax fuq kollox il-kwestjoni ta’ l-immaniġġjar ta’ l-isktar m’hijiex responsabilita` tal-partit li qiegħed fil-gvern, m’hijiex responsabilita` ta’ dan il-parlament, hija responsabilita` ta’ kulħadd, ta’ kull wieħed li jikkonsma l-iskart u jipproduċi l-iskart f’pajjiżna. U għalhekk kulħadd irid jerfa’ parti minn dan il-piż, kulħadd irid jifhem li jekk irridu mmorru ‘l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart, dak li għandu effett dirett u indirett fuq is-saħħa tagħna rridu nsostnuh kull wieħed u waħda minna.

U rridu nsostnuh ukoll finanzjarment. Tajjeb ngħidu u kulħadd jikteb u kulħadd iħambaq u kulħadd jitkellem li jrid ikollna sistemi sostenibbli għall-ambjent, imma l-kelma sostennibilita` hija kelma wkoll li għandna bżonn naħsbu u nirrelataw magħha l-kwestjoni tas-sostennibilita` tal-finanzjament. Jekk ma nagħmlux dak inkunu qegħdin biss noħolmu li nagħmlu l-faċilitajiet, li nagħmlu s-sistemi ġodda u nkunu qegħdin biss nirrepetu l-iżball li l-għada nħalluh għal pitgħada, għall pit-pitgħada u ma nagħmlux l-affarijiet li l-poplu Malti fl-aħħar mill-aħħar qed jistenna li nagħmlu b’responsabilita` bħala rappreżentanti eletti minnu f’dan il-parlament.

 

 
*
search
 
Forthcoming Events

Animal Ambulance for abandoned animals
24 hour free service - 21224001

Tree For You Campaign
Cempel fuq 22952333

*
*
 
 
Links
* *
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
   
 
Copyright 2004, Ministry for Rural Affairs and the Environment, Government of Malta * Web Design by Think Design